Sepja

Ġabra ta' Novelli

Il-ħġieġ ta’ l-antiporta tan-nanna kien irrigat fit-tul.

Qabel ma nħabbat u niftaħ kont inħobb inkaħħal għajnejja miegħu u nittawwal 'il ġewwa.

Is-sottospekkju ta’ l-intrata, il-gastri, il-ħnejja tat-taraġ ... kollox kien jidher immewweġ u distort.

Anki n-nanna Ċens, bil-qiegħda faċċata u silwettata kontra d-dawl tal-bieb tal-bitħa, minn wara l-ħġieġ irrigat ta’ l-antiporta kienet tidher likwida bħar-riflessi f’wiċċ il-baħar u ma’ kull ċaqliqa tiegħi kienet titbandal u ċċafċaf, ankrata mal-mejda ta’ l-ikel ġol-menqa kennija tagħha bejn il-vetrina u s-sideboard. Imbagħad niftaħ l-antiporta u nsib ruħi ġo baħar ta’ stejjer!