Il-Ġenn li Jżommni f'Sikti

Jgħidu li kienet xitwa qalilha dik tas-’47. Kien għamel ħafna maltemp u saħansitra niżlet il-borra u waqt li l-majjistra kienet qed taħsilni kienet faqqgħet sajjetta u mar id-dawl ta’ kullimkien. Kull meta z-zija Nena kienet issemmi dan l-episodju, kienet tikxef l-abjad t’għajnejha kollu qisha se tirrakkonta t-tmiem ta’ traġedja Griega. Qatt ma stajt nifhem għalfejn kienu għamlu dak l-għaġeb kollu. Forsi ħasbu li s-sajjetta kienet laqtet il-banju u li meta jiġi d-dawl se jsibu li għandhom f’idejhom tarbija mbaskta donnha statwa ta’ Pompej; jew forsi mmaġinaw li kont se negħrqilhom ġo sitt pulzieri ilma; jew inkella meta semgħuni nħanġar (għax ma naħsibx li bqajt lura) ħasbuni qed nibża’ mid-dlam. Insew li kont qattajt disa’ xhur sħaħ fid-dlam mingħajr l-iċken tgergira.