Meta missierha sar jaf li bintu qed tiltaqa’ baxx baxx ma’ Zanzu ta’ Pietru tal-Landier, kien qajjem infern sħiħ. Mhux biss għax hi kien għad kellha 17-il sena waqt li hu kellu 31; mhux biss għax huma kienu tal-flus waqt Zanzu kien biċċa karpintier it-tarzna u jagħmilha ta’ waiter u ta’ kulma jiġi għal idejh; mhux biss għax waħda minn ħutu kienet seftura mal-Ingliżi, imma fuq kollox, l-akbar oġġezzjoni tiegħu kien Kalċidon, in-nannu ta’ Zanzu, li għalkemm kien ilu aktar minn 20 sena mejjet, kien għadu magħruf mar-raħal bħala l-akbar sakranazz li qatt rat id-dinja … dak li kien kisser ras il-kelb fl-istatwa ta’ Santu Rokku tal-pjazza, tajjar il-beritta tas-Surġent Demicoli lejlet il-festa ta’ Santa Marija u li kien jaf jiġbed nifsijiet twal ’il ġewwa, iross żaqqu u jbosslok kemm-il bassa tikkommissjonalu.
Dan il-ktieb ġie maqlub għall-Ingliż, in-Norveġiż, il-Franċiż u r-Russu.
Ġie wkoll adattat għall-palk u ttella’ fit-Teatru tal-Università
fis-26, 27 Ottbru, 1,2,3 Novembru 2013